Il-Proġett generations@school
Ninvolvu lill-istudenti u lill-kbar fi djalogu interġenerazzjonali
Mill-2009, id-29 ta’ April huwa l-Jum Ewropew ta’ Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. Fl-2012, se niffukaw fuq it-tlaqqigħ flimkien ta’ studenti ma’ persuni anzjani biex jitħaddtu flimkien dwar xi jfisser li tixjieħ u kif persuni anzjani u żgħażagħ jistgħu jikkollaboraw flimkien għal ħajja aħjar. Matul il-ġimgħat qrib id-29 ta’ April, l-iskejjel kollha fl-Ewropa huma mistiedna jiftħu l-bibien tal-klassijiet tagħhom għall-ġenerazzjonijiet akbar u jesploraw kif id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet jista’ jikkontribwixxi għal edukazzjoni aħjar u jwassal għal fehim aħjar bejniethom.
Meta nipparteċipaw f’din l-inizjattiva nkunu qed
inkissru l-isterjotipi interġenerazzjonali u nħeġġu lin-nies biex iqattgħu aktar ħin ma’ xi ħadd ta’ ġenerazzjoni differenti li joqgħod qribhom;
naqsmu l-għarfien u l-ħiliet bejnietna u nitgħallmu dwar xulxin;
inkattru s-sensibilizzazzjoni dwar id-diversità u dwar xi jfisser it-tixjieħ attiv;
naqsmu r-riżultati tax-xogħol fil-klassi flimkien ma’ skejjel Ewropej oħrajn u mal-komunità fis-sens wiesa’ tagħha.
Id-29 ta’ April 2012 – Żomm il-jum ħieles!
Tista’ tagħmel kull xorta ta’ attivitajiet interġenerazzjonali fl-iskola tiegħek – diskussjonijiet bejn persuni iktar anzjani u l-istudenti, logħob, attivitajiet artistiċi bħat-tpenġija, it-teatru, il-mużika u xogħol ta’ artiġjanat – ara ftit ir-riżorsi tagħna għal aktar ideat. Ħu ħafna ritratti ta’ dak li qed tagħmel: biex tieħu sehem fil-kompetizzjoni tagħna trid ittella’ r-ritratti tal-attività tiegħek fis-sit grupp Panoramio ta’ generations@school. Jingħata premju lil kull pajjiż għall-aqwa proġett.
L-iskejjel kollha li se jieħdu sehem jirċievu ċertifikat iffirmat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-proġett jiġi mniedi fl-1 ta’ Marzu 2012 waqt illi kull informazzjoni biex tipparteċipa kif ukoll pakkett ta’ riżorsi se jkunu disponibbli fuq dan is-sit.
L-attivitajiet għandhom isiru madwar id-29 ta’ April 2012 u, jekk trid tieħu sehem fil-kompetizzjoni trid ittella’ r-ritratti tiegħek sat-30 ta’ Ġunju 2012. Ara r-regoli tal-kompetizzjoni generations@school.
Interessat torganizza proġett ta’ generations@school? Nixtiequ nkunu nafu dwar dan! Iktbilna email fil-qosor bl-isem tal-iskola tiegħek u l-klassi(jiet) li se tipparteċipa/jipparteċipaw. Tina wkoll data: generationsatschool@paueducation.com
Ara l-linjigwida għat-tħejjija tal-proġett u biex ittella’ r-ritratti.
